Konferenza tal-ESPON f'Malta titlob rikonoxximent aktar b'saħħtu tar-realtajiet tal-gżejjer fil-politika futura tal-UE
Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, flimkien mal-Punt ta' Kuntatt tal-ESPON f'Malta, illum organizza l-konferenza internazzjonali “L-Ispejjeż Ekonomiċi tal-Insularità u r-Risposti tal-Politika tal-Unjoni Ewropea", li ġabret flimkien lil dawk li jfasslu l-politika Ewropea, riċerkaturi, rappreżentanti istituzzjonali, persuni mill-qasam ekonomiku u esperti sabiex jiddiskutu kif ir-realtajiet tal-gżejjer territorjali jistgħu jkunu riflessi aħjar fil-politika Ewropea u l-qafas ta' investiment futur. Il-konferenza se tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u tibni fuq l-Istrateġija tal-UE għall-Gżejjer, li tnediet reċentament.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, qal li l-fatt li pajjiżna qed jesperjenza suċċess ekonomiku u qed ikompli jinvesti fl-infrastruttura, kif ukoll fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż, ma jfissirx li l-isfidi marbuta mal-insularità tagħna, bħala nazzjon gżira, m'għadhomx jeżistu.
“Dan kien il-messaġġ li wassalna f'din il-konferenza li qed issir f'mument opportun, meta l-Kummissjoni Ewropea qed tirrikonoxxi l-isfidi tal-insularità. Madankollu, qed nisħqu wkoll li issa jeħtieġ ngħaddu mir-rikonoxximent għal miżuri konkreti li jipprovdu appoġġ lil pajjiżi, bħal tagħna, li qed jiffaċċjaw din ir-realtà," qal Dr Attard.
Il-Konferenza enfasizzat l-importanza li t-tfassil tal-politika Ewropea jqis ir-realtajiet li jiffaċċjaw il-gżejjer u territorji oħra b'karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi.
Matul il-konferenza, dawk preżenti eżaminaw is-sejbiet tal-istudju M-INSULAR tal-ESPON, li jikkonkludi li l-insularità toħloq sfidi strutturali permanenti marbuta mal-konnettività, l-aċċess għas-swieq, l-infrastruttura, il-provvista tas-servizzi u l-iskala ekonomika. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq jekk flessibbiltà akbar fi ħdan l-istrumenti eżistenti tal-UE hijiex biżżejjed, jew jekk ir-realtajiet territorjali tal-gżejjer għandhomx jitqiesu b'mod aktar sistematiku fit-tfassil, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-programmi tal-UE.
Il-konferenza kienet tinkludi l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew, mill-ESPON, minn Cambridge Econometrics, mill-akkademja, mill-komunità tan-negozju, mill-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika minn Malta, Għawdex, Ċipru u l-Greċja. Id-diskussjonijiet esploraw ukoll il-kontribut tal-gżejjer għall-kompetittività, ir-reżiljenza, is-sigurtà enerġetika u l-ambizzjonijiet tal-ekonomija blu tal-Ewropa.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza li “l-istatus ta' Malta bħala gżira jġib miegħu sfidi u spejjeż strutturali speċifiċi, li jeħtieġ li jkunu riflessi aħjar fil-politika u l-finanzjament Ewropej. Ir-rikonoxximent ta' dawn l-isfidi huwa pass importanti, iżda issa dan ir-rikonoxximent għandu jiġi tradott f'azzjoni konkreta. Hekk kif inħarsu lejn il-politika Ewropea u l-finanzjament wara l-2027, jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex niżguraw li r-realtajiet partikolari li jiffaċċjaw il-gżejjer, bħal Malta, jitqiesu kif xieraq, filwaqt li nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal Ewropa aktar reżiljenti, kompetittiva u konnessa."
Messaġġ ewlieni li ħareġ mill-konferenza kien il-ħtieġa li nimxu lil hinn mir-rikonoxximent tal-isfidi tal-insularità u li tiġi msaħħa l-bażi ta' evidenza, fehma aħjar tal-ispejjeż u l-lakuni speċifiċi li toħloq l-insularità, u l-użu tal-evidenza biex jinfurmaw it-tfassil tal-politika futura, il-valutazzjoni tal-investiment u l-qafas ta' finanzjament. Il-parteċipanti enfasizzaw li l-politika Ewropea għandhom ikunu kapaċi jirrispondu b'mod effettiv għar-realtajiet territorjali differenti, filwaqt li jappoġġjaw żvilupp sostenibbli u reżiljenti fir-reġjuni kollha.